Merhba.......
L-isem “Il-Mellieħa” huwa sinonimu mal-melh u l-għasel, hekk ukoll l-isem La Vittoria huwa sinonimu mal-festa ta’ Maria Bambina li hija ċċelebrata kull sena fit-8 ta’ Settembru. Data li hija marbuta mar-rebħ tal-Assedju l-Kbir mill-Kavillieri ta’ San Ġwann flimkien mal-Maltin li jmur lura sal-1565. Kienet f’dik id-data tat-8 ta’ Settembru li seħħ dan l-avveniment. Il-fundaturi tas-Soċieta’ Filarmonica La Vittoria għalhekk tawha dan l-isem sabiex jibqa’ marbut mal-istorja ta’ Malta u tal-festa tal-patruna tagħna.
Dan is-sit elettroniku għandu jkun pass pożittiv sabiex b’mezzi moderni nwasslu dak li jkun qiegħed jiġri fi ħdan is-soċjeta minn żmien għal ieħor. Kemm hu possibli se nżommu dan is-sit aġġornat ħalli dawk kollha li jinteresshom ikunu jistgħu jsegwu dak li jkun qiegħed jiġri, l-aktar l-emigranti u ammiraturi oħra. Is-sit tagħna se jkun b’żewġ lingwi: il-Malti u l-Ingliż.
Nawguralkom li ssibu din is-sit interessanti u napprezzaw li tibgħatu l-kummenti u idejat. Inwiegħedukom li nagħtu każhom u fejn hu possibli nwettquhom.
Kelmtejn mis-Sur Pawlino Mifsud
President tas-Societá Filarmonica La Vittoria
VITORJA 2011
Għeżież ħbieb,
Festa 2011 ........ waslet ukoll
Kemm hija sabiħa dik il-kelma ħabib. X’hemm isbaħ milli ssellem lil dak sieħbek bħala ħabib. Kif jgħid il-Malti: “Aħjar ħabib fis-suq milli mitt skud fis-senduq”. U hekk żgur li kienu ta’ qabilna li għal dawn l-aħħar mija u erba’ snin mexxew La Vittoria. Dan il-ħsieb jeħodni lejn il-motto ta’ din is-sena: “IL-VOLONTARJAT SAWWARNA”.
Huwa motto marbut mas-sena kurrenti li l-Unjoni Ewropea ddedikatha lill-Volontarjat u għalhekk nixtieq li ssib ftit ħin u ddur uħud mill-artikli fil-ktejjeb tagħna fejn il-volontarjat ħa prominenza. Mingħajr dedikazzjoni, impenn u sagrifiċċju u mingħajr ma tistenna xejn lura huwa mportanti li nibqgħu nsibu persuni li lesti li jagħtu ftit minn ħinhom lejn dik il-għaqda li jemmen fiha. Trid volontà qawwija sabiex tikkontribwixxi.
Live Streaming
Għażiż, inti fi kwiet ta’ darek kemm fil-Mellieħa, kemm f’darek f’Malta jew f’Għawdex kif ukoll fil-kontinenti kollha madwar id-dinja tista’ issegwi dak kollu li jkun għaddej f’dak il-mument permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Żur il-website: lavittoriabandclub.org
Din is-sena ħdimna sabiex jinxtara l-apparat meħtieg sabiex inwasslulkom Live Streaming mhux biss fil-ġrantet sbieħ tal-festa imma wkoll attivitajiet oħra li jkunu organizzati matul is-sena. Hawnhekk norbot li bis-saħħa ta’ numru ta’ ammiraturi tagħna barra minn xtutna u allura intom l-emigranti għamiltulna l-kuraġġ bl-abonament tagħkom bħala SOĊJU EMIGRANT. Nagħmlilkom appell sabiex tħajru oħrajn sabiex jissieħbu magħna bħala soċju emigrant. L-għajnuna tagħkom hija apprezzata. Huwa bis-saħħa tagħkom li stajna ninvestu fl-apparat tal-Live Streaming. Intom dejjem f’qalbna u l-kuraġġ tagħna. Intom li tixtiequ tidħlu bħala Soċju Emigrant kulma tridu tagħmlu hu li tiktbulna fuq l-email vittoria@maltanet.net jew info@lavittoriabandclub.org.
Attivitajiet
Matul din is-sena ma qtajna xejn bl-attivitijiet. Kienet sena mpenjattiva ħafna nibda mill-Prize Day Concert li ġiet organizzata l-ewwel darba din is-sena u li kienet suċċess kbir, il-Maratona b’risq Puttinu Cares Foundation, iċ-Ċenaklu fi żmien l-Għid, il-kunċert annwali f’Diċembru, il-party tal-Milied għat-tfal kollha Melleħin, il-programmi li jkunu organizzati fi żmien il-festa flimkien ma’ dak taż-żgħażagħ. Barra l-parteċipazzjoni fil-Iljieli Melleħin, Milied Mellieħi u San Ġwann tal-Ħġejjeġ, u l-pussess tal-kappillan il-ġdid, Rev. Kan. Joe Caruana, u l-kummissjonijet.
Proġetti
Komplejna bid-dekor tal-planċier li kellu jimxi b’pass daqsxejn kajman għaliex l-artist is-Sur Ġużeppi Sagona għamel żmien indispost. Ikkonkludejna l-proċess kollu tal-istatut u bdejna x-xogħol fuq l-inventarju. Dan minbarra li ġiet refurbished il-kċina tas-Sala 8 ta’ Settembru fejn sar kollox mill-ġdid. Irridu nħarsu ‘l quddiem iżda mingħajr l-appoġġ tagħkom dan ma jistax ikun possibli. Hemm ħafna proġetti x’irridu nagħmlu imma rridu nimxu bil-għaqal u nagħtu l-prioritajiet.
Insellem
Insellem lilkom sħabi kollha tal-kumitat amministrattiv, lis-Suramst Direttur, lill-Assistent Surmast, lill-għalliema tal-aljievi u tal-kor, lill-membri fi ħdan is-Sotto-Kumitati u Kummissjonijiet, bandisti, membri tal-kor, membri, eks bandisti u fuq kollox dawk sħabna morda li huma rikoverati fi djarhom jew fid-Dar Madonna tal-Mellieħa jew postijiet oħra. Insellem ukoll lill-familjari tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom, benefatturi f’kull qasam, ammiraturi, lilkom emigranti fejn napprezzaw il-kummenti tagħkom fuq il-website tagħna: www.lavittoriabandclub.org. Nappellalkom sabiex issegwu dak li jkun għaddej minn fuq din il-website.
Awguri
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nawgura lil kulħadd li Marija Bambina,l-Omm Tagħna fis-Sema tkompli tħares lil dan ir-raħal tagħna tal-Mellieħa sabiex f’għaqda u armonija nagħmlulha festa kif nafu norganizzaw aħna l-Melleħin.
Malti
English


